Scroll to top
Hon. Michael Falzon [01-2024]

Dr Michael Falzon twieled fis-16 ta’ Novembru 1961, lil Mosè Falzon u Carmela nee’ Said, li oriġinarjament ġejjin minn Għawdex.

Huwa ħa l-edukazzjoni fil-Kulleġġ San Albert il-Kbir f’Tas-Sliema u l-Belt Valletta u wara kompla l-istudji tiegħu post sekondarji, daħal jaħdem mal-Bank of Valletta fl-1979 bħala skrivan. Fl-1985 Dr Falzon daħal għall-kors tal-Liġi fl-Università ta’ Malta minn fejn iggradwa bħala Nutar fl-1989 u bħala Avukat fl-1991. Huwa kompla jitħarrreġ fl-istudji bankarji, fejn kiseb kwalifika internazzjonali bħala Assoċjat tal-Istitut tal-Bankiera Chartered, (ACIB). Għal numru ta’ snin kien il-Kap Eżekuttiv tal-Uffiċċju Legali tal-Bank.

Dr Michael Falzon serva bħala l-Maniġer tal-Elezzjonijiet tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista  ta’ Malta mill-1992 sal-2003. Hemmhekk bena u mexxa tim ta’ persuni dedikati li żgura li l-Partit Laburista kien organizzat professjonalment, u li l-proċess elettorali kien ġust, trasparenti u bla problemi. Dan il-professjonaliżmu kiseb ir-rispett ta’ kulħadd fil-pajjiż kollu, mhux biss fil-kamp tal-Partit Laburista, iżda wkoll mill-Partit Nazzjonalista u l-Kummissjoni Elettorali. Huwa kien involut ukoll f’diskussjonijiet li wasslu għall-emenda tal-Kostituzzjoni Maltija f’diversi każijiet.

Huwa serva wkoll bħala s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista bejn l-1998 u l-2003. F’din il-kariga huwa tejjeb il-kuntatti tal-Partit Laburista ma’ partiti oħra tal-istess twemmin fl-Ewropa u r-Reġjun tal-Mediterran. Ix-xogħol internazzjonali ta’ Dr Falzon laħaq il-qofol tiegħu f’laqgħat ma’ mexxejja dinjija bħal Tony Blair tar-Renju Unit; Massimo D’Alema tal-Italja; Martin Schulz, il-President tal-Partit tas-Soċjalisti Ewropej fil-Parlament Ewropew; u l-Mexxej Laburista Awstraljan u eventwalment Prim Ministru Kevin Rudd.

Huwa kkontesta elezzjoni ġenerali għall-ewwel darba f’Marzu 2008 u ġie elett mit-Tieni u l-Għaxar Distrett Elettorali. Bejn Marzu 2003 u Ġunju 2008 serva wkoll bħala Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit.

Sussegwentement, ikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali tal-2013 u tal-2017. Wara l-elezzjoni tal-2017, li fiha ġie elett kemm mid-Disa’ kif ukoll mill-Għaxar Distrett Elettorali, inħatar Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali. Huwa kkontesta l-elezzjoni ġenerali ta’ Marzu 2022 u reġa’ ġie elett kemm mid-Disa’ kif ukoll mill-Għaxar Distrett Elettorali, u wara nħatar Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Fl-elezzjoni ġenerali ta’ Mejju 2026, huwa għal darb’oħra ġie elett kemm mid-Disa’ kif ukoll mill-Għaxar Distrett Elettorali, u sussegwentement inħatar Ministru għall-Politika Soċjali u l-Familja.

Dr Michael Falzon serva wkoll bħala Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni minn April 2014 sa Jannar 2016.

Dr Michael Falzon huwa miżżewweġ lil Anna Maria née Lia u għandhom żewġt itfal, Martina u Nathaniel.

familja
Privacy Overview

This website uses cookies so that we can provide you with the best user experience possible. Cookie information is stored in your browser and performs functions such as recognising you when you return to our website and helping our team to understand which sections of the website you find most interesting and useful.