MINISTERU GĦALL-POLITKA SOĊJALI

U D-DRITTIJIET TAT-TFAL

 

Il-Ministeru hu impenjat li jaċċerta kwalità ta’ ħajja aħjar permezz tal-għoti ta’ benefiċċji soċjali suffiċjenti lil individwi u familji fil-bżonn u servizzi ta’ assistenza soċjali ta’ kwalità sabiex tingħata spinta lill-komunitajiet lokali. Barra minn hekk, kura fit-tul u servizzi ta’ kwalità xierqa huma provduti għall-anzjani b’konċentrazzjoni qawwija fuq l-anzjanità attiva u ż-żamma ta’ dawn in-nies fil-komunità għal kemm jista’ jkun. Ċentrali hija wkoll il-preservazzjoni ta’ opportunitajiet indaqs għall-persuni kollha b’diżabilità fl-aspetti kollha.

Dan ta’ hawn fuq jista’ jiġi ipprovdut permezz ta’ kooperazzjoni u komunikazzjoni tajba bejn id-dipartimenti, id-direttorati u l-entitajiet kompetenti tiegħu. Fl-impenn biex tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali, is-solidarjetà u l-inklużjoni soċjali għal kulħadd, il-Ministeru kontinwament ifittex li jtejjeb il-firxa ta’ servizzi li joffri bil-għan li jindirizza b’mod effiċjenti u effettiv il-ħtiġijiet kontinwi u emerġenti.