Is-saħħa psikoloġika, emozzjonali, sesswali u fiżika ġenerali tal-konsulenti hija ta’ importanza kbira biex jinżammu standards għoljin fil-prattika. Tant hu hekk, li l-iżvilupp ta’ dawn l-aspetti jiġi indirizzat waqt it-taħriġ tagħhom biex isiru konsulenti.

Il-prattiki ta’ kura awtonoma jikkontribwixxu lejn il-ksib ta’ bilanċ b’saħħtu bejn il-ħajjiet personali u dawk professjonali, li jrawwem reżiljenza biex il-konsulenti jiżviluppaw fi professjonisti effettivi u mimlija riżorsi.

Prattiki ta’ kura awtonoma

Il-prattiki ta’ kura awtonoma jieħdu forom differenti fil-ħajjiet personali u professjonali tal-konsulenti. Attitudnijiet u attivitajiet pożittivi ta’ kuljum jikkontribwixxu lejn saħħa tajba. Il-kunfidenza tal-individwu, flimkien mal-ħila li jiġu vvalutati r-riskji u jiġu adottati mekkaniżmi ta’ għajxien b’saħħithom huma kruċjali għall-benesseri tagħhom.

Kemm jekk il-konsulenti jkunu qed jaħdmu f’ambjenti organizzattivi kif ukoll jekk ikunu qed jaħdmu fi prattika privata, jeħtieġ li tinżamm konformità mal-istess prinċipji.

  • L-adozzjoni ta’ approċċ riflessiv sabiex jinżammu relazzjonijiet b’saħħithom ġenerali mal-klijenti, il-kollegi, il-maniġers u membri oħra tal-persunal, b’mod speċjali fid-dawl tal-personalitajiet differenti.
  • Il-ġestjoni effettiva tar-rabja biex jitnaqqsu r-riskji li joriġinaw minn dagħdigħa possibbli marbuta mal-klijent jew mal-persunal.
  • Jiġu kkunsidrati modi biex jiġu indirizzati kwalunkwe responsabbiltajiet possibbli mġarrba, eż. kopertura permezz ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali. F’ambjenti organizzattivi, dan għandu jiġi ssalvagwardjat minn min iħaddem.
  • It-twaqqif ta’ network professjonali ta’ konsulenti għall-appoġġ biex jiġu diskussi każijiet fejn meħtieġ. L-awtonomija tal-klijenti għandha tiġi rispettata u għandha tinħeba mill-kollegi.
  • .Jiġu indirizzati kwistjonijiet personali b’mod effettiv. Xi kultant dan jista’ jeħtieġ li l-konsulenti jfittxu li jattendu counselling personali għalihom stess.

Appoġġ għall-Prattiki Promozzjoni ta’ Saħħa Tajba

It-tnaqqis ta’ kwalunkwe riskji li jistgħu joriġinaw waqt il-counselling jew fuq il-post tax-xogħol huwa essenzjali. Is-suġġerimenti li ġejjin isostnu dan il-kunċett.

  • Is-sessjonijiet għandhom isiru f’ambjent xieraq u sikur, li jiżgura li d-dħul għall-post qed jiġi mmonitorjat u li l-konsulenti għandhom aċċess faċli għall-għajnuna jekk tkun meħtieġa.
  • Għandu jinħoloq etos għad-dipartiment tal-counselling biex jinxteħet dawl fuq l-iffissar ta’ miri u l-prijoritizzazzjoni tax-xogħol.
  • Għandhom jiġu pprovduti opportunitajiet biex jinkoraġġixxu l-awto-evalwazzjoni tal-konsulenti, appoġġjata b’evalwazzjonijiet xierqa sabiex jinżamm counselling ta’ standard għoli.
  • Għandhom jiġu evitati rwoli multipli, u fejn dan ma jistax jiġi evitat, eż. f’ambjent organizzattiv, huwa important ħafna li r-rwoli jkunu ċari. L-individwi inkarigati bi rwoli differenti għandhom jingħataw appoġġ u taħriġ adegwati sabiex ikunu mgħammra tajjeb bil-kompetenzi meħtieġa sabiex jitnaqqsu riskji ta’ kwalunkwe dannu, u biex il-kunflitti ta’ interess li joriġinaw mis-sitwazzjoni jkunu jistgħu jiġu ġestiti b’mod xieraq. 
  • Ix-xogħol għandu jiġi distribwit b’mod ġust, b’kunsiderazzjoni tal-varjabbli differenti, eż. l-ammont ta’ każijiet kumplessi, l-għarfien espert u l-livell ta’ esperjenza tal-konsulenti, kompiti oħra assenjati lill-konsulenti u l-appoġġ/is-superviżjoni provduti. Fi prattika privata, il-konsulenti jeħtieġ li jkunu kapaċi jkejlu l-ħila tagħhom stess fuq kemm-il każ ikunu jistgħu jieħdu u fl-istess ħin joqogħdu attenti li ma jaħdmux f’iżolament.
  • Għandhom jiġu pprovduti l-monitoraġġ u l-appoġġ meħtieġa għall-konsulenti apprendisti waqt kollokament.

Il-Fatturi ta’ Stress Li Għandhom jiġu Mmonitorjati

Il-fatturi ta’ stress li huma komuni fix-xenarju tal-konsulenti jistgħu jvarjaw minn dawk li joriġinaw mit-tensjoni interna/personali tagħhom stess; għal dawk li joriġinaw mir-relazzjoni bejn il-konsulent u l-klijent, kemm jekk ikunu pożittivi jew negattivi; jew inkella għal oħrajn li joriġinaw minn fatturi esterni li jirriżultaw minn ambjent organizzattiv.

Tensjoni Personali

It-tensjoni personali tista’ toriġina mill-kunflitti interni tal-konsulent stess, kwistjonijiet familjari jew ta’ relazzjoni jew mill-ambjent tax-xogħol. Hija r-responsabbiltà tal-konsulenti li jżommu livell għoli ta’ kunfidenza fihom infushom sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw il-kawża tat-tensjoni u jipprovaw isolvuha b’suċċess permezz ta’ diversi mezzi, eż. ifittxu l-għajnuna minn counselling personali jew permezz ta’ superviżjoni. Il-konsulenti li jħossu tensjoni għandhom jiġu appoġġjati u mħeġġa b’mod li ma ħieles minn kull ġudizzju mill-konsulenti kollegi tagħhom u mill-maniġment. Meta huma ma jirnexxilhomx jegħlbu t-tensjoni tagħhom, jeħtieġ li jesploraw arranġamenti alternattivi sabiex jevitaw li jsiru danni possibbli fuq il-klijenti tagħhom jew fuqhom stess.

Ir-Relazzjoni bejn il-Konsulent u l-Klijent

Waqt il-proċess tal-counselling mal-klijent, jista’ jkun il-każ li tiżviluppa sinerġija pożittiva kif ukoll negattiva. Din tista’ toħloq sors ta’ stress għall-konsulent meta jiġi biex jimmaniġġja b’mod xieraq il-kontrotrasferenza esperjenzata. Fatturi ta’ stress oħra li jistgħu jinħolqu huma pereżempju: il-ħin/it-tul ta’ żmien limitati tax-xogħol ta’ counselling mal-klijent, speċjalment f’ambjent organizzattiv; id-differenzi fil-prinċipji ta’ valur, bħal pereżempju r-reliġjon u l-kultura; attitudni aggressiva tal-klijenti jew il-qraba tagħhom. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-konsulenti jistgħu jużaw is-superviżjoni sabiex jiġu appoġġjati fl-identifikazzjoni tal-fattur ta’ stress ewlieni u jsolvuh b’mod xieraq, u anke jiddiskutu arranġamenti alternattivi meta ma sseħħx riżoluzzjoni. Is-superviżur jeħtieġ li jitqies bħala persuna/professjonist ta’ fiduċja mill-konsulent.

Fatturi Esterni li joriġinaw minn ambjent organizzattiv

Ambjenti organizzattivi jippreżentaw xenarji distinti li jistgħu jinsabu f’kunflitt mar-rekwiżiti speċifiċi tad-dipartiment tal-counselling u t-tmexxija effettiva tiegħu. F’dan ir-rigward, l-istress jista’ joriġina, eż. jekk il-provvista ta’ spazju adegwat fejn il-konsulent ikun jista’ jaħdem u jwettaq is-sessjonijiet tiegħu b’kunfidenzjalità tkun problematika; il-kundizzjonijiet tax-xogħol jaf ma jagħmluhiex faċli li s-saħħa mentali tal-konsulenti tiġi salvagwardjata, minħabba li ikunu esposti bil-kbir għal trawma u każijiet severi; il-maniġers tad-dipartiment jaf ma jkunux adegwatament imħarrġa fl-immaniġġjar, jew jaf ma jkunux familjari biżżejjed mal-professjoni. Dan it-tip ta’ mmaniġġjar jista’ jtellef xi rekwiżiti essenzjali tad-dipartiment milli jiġu identifikati; in-nuqqas ta’ sistema ta’ referenza effiċjenti tista’ tikkomprometti l-prijoritizzazzjoni tal-allokazzjoni ta’ klijent skont il-ħtiġijiet tiegħu u l-livell ta’ urġenza; in-nuqqas ta’ sistema xierqa u ta’ rispett li tkejjel ir-responsabbiltà tal-konsulenti.

Hija r-responsabbiltà tal-konsulenti li jidentifikaw tali fatturi ta’ stress u jiġbdu l-attenzjoni tal-organizzazzjoni fuqhom; min-naħa l-oħra, hija r-responsabbiltà tal-organizzazzjoni li tiżgura li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati sabiex il-benesseri tal-konsulenti tiġi protetta u jinżamm servizz ta’ counselling ta’ kwalità għolja li jkun etikament korrett għall-klijenti tagħha. 

Din il-kitba nkitbet f’konformità mal-prinċipji msemmija fil-Kodiċi tal-Etika tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Professjoni tal-Counselling.