Is-saħħa psikoloġika, emozzjonali, sesswali u fiżika ġenerali tal-konsulenti hija ta’ importanza kbira biex jinżammu standards għoljin fil-prattika. Tant hu hekk, li l-iżvilupp ta’ dawn l-aspetti jiġi indirizzat waqt it-taħriġ tagħhom biex isiru konsulenti.
Il-prattiki ta’ kura awtonoma jikkontribwixxu lejn il-ksib ta’ bilanċ b’saħħtu bejn il-ħajjiet personali u dawk professjonali, li jrawwem reżiljenza biex il-konsulenti jiżviluppaw fi professjonisti effettivi u mimlija riżorsi.
Prattiki ta’ kura awtonoma
Il-prattiki ta’ kura awtonoma jieħdu forom differenti fil-ħajjiet personali u professjonali tal-konsulenti. Attitudnijiet u attivitajiet pożittivi ta’ kuljum jikkontribwixxu lejn saħħa tajba. Il-kunfidenza tal-individwu, flimkien mal-ħila li jiġu vvalutati r-riskji u jiġu adottati mekkaniżmi ta’ għajxien b’saħħithom huma kruċjali għall-benesseri tagħhom.
Kemm jekk il-konsulenti jkunu qed jaħdmu f’ambjenti organizzattivi kif ukoll jekk ikunu qed jaħdmu fi prattika privata, jeħtieġ li tinżamm konformità mal-istess prinċipji.
Appoġġ għall-Prattiki Promozzjoni ta’ Saħħa Tajba
It-tnaqqis ta’ kwalunkwe riskji li jistgħu joriġinaw waqt il-counselling jew fuq il-post tax-xogħol huwa essenzjali. Is-suġġerimenti li ġejjin isostnu dan il-kunċett.
Il-Fatturi ta’ Stress Li Għandhom jiġu Mmonitorjati
Il-fatturi ta’ stress li huma komuni fix-xenarju tal-konsulenti jistgħu jvarjaw minn dawk li joriġinaw mit-tensjoni interna/personali tagħhom stess; għal dawk li joriġinaw mir-relazzjoni bejn il-konsulent u l-klijent, kemm jekk ikunu pożittivi jew negattivi; jew inkella għal oħrajn li joriġinaw minn fatturi esterni li jirriżultaw minn ambjent organizzattiv.
Tensjoni Personali
It-tensjoni personali tista’ toriġina mill-kunflitti interni tal-konsulent stess, kwistjonijiet familjari jew ta’ relazzjoni jew mill-ambjent tax-xogħol. Hija r-responsabbiltà tal-konsulenti li jżommu livell għoli ta’ kunfidenza fihom infushom sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw il-kawża tat-tensjoni u jipprovaw isolvuha b’suċċess permezz ta’ diversi mezzi, eż. ifittxu l-għajnuna minn counselling personali jew permezz ta’ superviżjoni. Il-konsulenti li jħossu tensjoni għandhom jiġu appoġġjati u mħeġġa b’mod li ma ħieles minn kull ġudizzju mill-konsulenti kollegi tagħhom u mill-maniġment. Meta huma ma jirnexxilhomx jegħlbu t-tensjoni tagħhom, jeħtieġ li jesploraw arranġamenti alternattivi sabiex jevitaw li jsiru danni possibbli fuq il-klijenti tagħhom jew fuqhom stess.
Ir-Relazzjoni bejn il-Konsulent u l-Klijent
Waqt il-proċess tal-counselling mal-klijent, jista’ jkun il-każ li tiżviluppa sinerġija pożittiva kif ukoll negattiva. Din tista’ toħloq sors ta’ stress għall-konsulent meta jiġi biex jimmaniġġja b’mod xieraq il-kontrotrasferenza esperjenzata. Fatturi ta’ stress oħra li jistgħu jinħolqu huma pereżempju: il-ħin/it-tul ta’ żmien limitati tax-xogħol ta’ counselling mal-klijent, speċjalment f’ambjent organizzattiv; id-differenzi fil-prinċipji ta’ valur, bħal pereżempju r-reliġjon u l-kultura; attitudni aggressiva tal-klijenti jew il-qraba tagħhom. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-konsulenti jistgħu jużaw is-superviżjoni sabiex jiġu appoġġjati fl-identifikazzjoni tal-fattur ta’ stress ewlieni u jsolvuh b’mod xieraq, u anke jiddiskutu arranġamenti alternattivi meta ma sseħħx riżoluzzjoni. Is-superviżur jeħtieġ li jitqies bħala persuna/professjonist ta’ fiduċja mill-konsulent.
Fatturi Esterni li joriġinaw minn ambjent organizzattiv
Ambjenti organizzattivi jippreżentaw xenarji distinti li jistgħu jinsabu f’kunflitt mar-rekwiżiti speċifiċi tad-dipartiment tal-counselling u t-tmexxija effettiva tiegħu. F’dan ir-rigward, l-istress jista’ joriġina, eż. jekk il-provvista ta’ spazju adegwat fejn il-konsulent ikun jista’ jaħdem u jwettaq is-sessjonijiet tiegħu b’kunfidenzjalità tkun problematika; il-kundizzjonijiet tax-xogħol jaf ma jagħmluhiex faċli li s-saħħa mentali tal-konsulenti tiġi salvagwardjata, minħabba li ikunu esposti bil-kbir għal trawma u każijiet severi; il-maniġers tad-dipartiment jaf ma jkunux adegwatament imħarrġa fl-immaniġġjar, jew jaf ma jkunux familjari biżżejjed mal-professjoni. Dan it-tip ta’ mmaniġġjar jista’ jtellef xi rekwiżiti essenzjali tad-dipartiment milli jiġu identifikati; in-nuqqas ta’ sistema ta’ referenza effiċjenti tista’ tikkomprometti l-prijoritizzazzjoni tal-allokazzjoni ta’ klijent skont il-ħtiġijiet tiegħu u l-livell ta’ urġenza; in-nuqqas ta’ sistema xierqa u ta’ rispett li tkejjel ir-responsabbiltà tal-konsulenti.
Hija r-responsabbiltà tal-konsulenti li jidentifikaw tali fatturi ta’ stress u jiġbdu l-attenzjoni tal-organizzazzjoni fuqhom; min-naħa l-oħra, hija r-responsabbiltà tal-organizzazzjoni li tiżgura li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati sabiex il-benesseri tal-konsulenti tiġi protetta u jinżamm servizz ta’ counselling ta’ kwalità għolja li jkun etikament korrett għall-klijenti tagħha.
Din il-kitba nkitbet f’konformità mal-prinċipji msemmija fil-Kodiċi tal-Etika tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Professjoni tal-Counselling.